Skip to main content

Permezz ta’ ftehim li ġie ffirmat bejn l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma, l-Awtorita’ għall-Ambjent u r-Riżorsi u Nature Trust Malta, l-għaqda non-governattiva Nature Trust Malta se tidħol responsabbli għall-immaniġjar ta’ Wied il-Qlejgħa jew kif inhu magħruf aħjar Chadwick Lakes.
Għal tul dawn l-aħħar sentejn l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma kienet u għadha qed timplimenta proġett ta’ riġenerazzjoni u riabilitazzjoni ta’ Wied il-Qlejgħa. Dan il-proġett ta’ €5 miljun, ko-finanzjat minn fondi Ewropej, mistenni jitlesta aktar tard din is-sena.
L-iffirmar ta’ dan il-ftehim sar waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli, Miriam Dalli, il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar, Aaron Farrugia, u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi.
Il-Ministru Miriam Dalli laqgħet dan il-ftehim bħala eżempju ċar ta’ kif nistgħu nieħdu ħsieb il-wirt naturali ta’ pajjiżna.
“Ix-xogħolijiet f’Chadwick Lakes kixfu karatterstiċi li biż-żmien kienu ntilfu. Illum dawn l-ilqugħ li nbnew fis-seklu 19 se jkunu qed jirritornaw għall-iskop oriġinali tagħhom għall-ħażna tal-ilma,” qalet Dr Dalli.
Il-Ministru Dalli spjegat kif permezz tal-ftehim ma’ Nature Trust Malta, il-Gvern qed jimpenja ruħu għall-konservazzjoni kontinwa ta’ Wied il-Qlejgħa, fejn ser ikunu mħawwla madwar 5,000 siġra u arbuxelli u jkun hemm kontroll akbar fuq speċi invażivi.
“Impenjati li nkomplu nieħdu ħsieb l-ambjent naturali tagħna u l-ekosistemi u nħarsu lejn opportunitajiet li jippermettu ffinanzjar ta’ proġetti ta’ riċerika kif nassiguraw is-sostenibilità,” ikkonkludiet Miriam Dalli.
Il-Ministru Aaron Farrugia qal li l-ERA hija parteċipi f’dan il-ftehim minħabba l-importanza ekoloġika u xjentifika tas-sit. Huwa ħabbar li l-ERA bdiet il-proċess biex tissaħħaħ il-protezzjoni taż-żona ta’ Chadwick Lakes u li permezz t’hekk ikunu jistgħu jittiehdu il-miżuri favur il-protezzjoni tal-biodiversita’ billi jiġu kkonservati, mmaniġġjati u rrestawrati l-ambjenti naturali u speċi tas-sit, kif ukoll dawk l-aspetti ġeoloġiċi, ġeomorfoloġiċi u fiżjografiċi li jagħmlu s-sit wieħed mill-isbaħ pajesaġġ naturali Malti.
Il-Ministru Farrugia qal li żoni protetti mmaniġġjati b’mod effettiv huma għodda kritika għas-salvagwardja tal-ambjent tagħna u r-reżiljenza tagħna bħala pajjiż, kif ukoll il-konservazzjoni tar-riżorsi naturali u s-suċċess ekonomiku sostenibbli li lkoll huma importanti għas-saħħa ta’ pajjiżna u l-kwalita’ ta’ ħajja ta’ kulħadd.
Is-Segretarju Parlamentari, Stefan Zrinzo Azzopardi, qal li l-iffirmar ta’ dan il-ftehim jimmarka sħubija biex flimkien naħdmu għall-għan komuni – dak li nipprovdu ambjent aħjar filwaqt li nieħdu ħsieb il-pajesaġġ sabiħ ta’ pajjiżna. Huwa spjega kif il-kooperazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat se tkun qed tifforma qafas, li permezz tiegħu jistgħu jintalbu fondi Ewropej addizzjonali, hekk kif il-mod kif dan is-sit qed jiġi rijabilitat se jkun qed jiġi kkunsidrat bħala eżempju ta’ ‘best practice’.
Dr Zrinzo Azzopardi kkonkluda billi qal li “r-riġenerazzjoni ta’ Wied il-Qlejgħa qed issir b’investiment ta’ madwar €5 miljun ko-finanzjati b’fondi Ewropej. Dan il-ftehim se jmur pass oltre fejn mhux talli se nirrinnovaw dan is-sit li għandu wirt storiku u ambjentali għani iżda wkoll nibqgħu nieħdu ħsiebu u nippreservawh.“
Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv għall-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma, Manuel Sapiano spjega kif dan il-proġett għandu l-għan li jservi bħala mudell għall-proġetti futuri oħra f’diversi lokalitajiet b’mod partikolari l-widien ta’ madwar Malta u Għawdex.
Huwa spjega wkoll dwar ix-xogħol li sar mill-istess Aġenzija f’Wied il-Qlejgħa fl-aħħar xhur. Fost oħrajn tneħħa ammont ta’ terrapien li maż-żmien inġemma fis-sodda tal-wied li flimkien mal-veġitazzjoni invażiva kien qed jimbloka l-korsa tal-ilma. Qal kif għall-ewwel darba f’pajjiżna qed tintuża s-sistema ta’ bioinġinerija, jiġifieri qed jinħolqu bħal ħitan fil-ġnub tal-wied permezz tat-tħawwil tas-siġar. Dawn għandhom l-għan li ma jiklux mill-ħamrija fil-ġenb tal-wied u għalhekk il-passaġġi li nħolqu jibqgħu jservu għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Intant, wara l-konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministri Dalli u Farrugia flimkien mas-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi ġew imdawra ma’ parti mill-wied, fejn bħalissa Nature Trust Malta qed tħawwel ammont ta’ siġar. Preżenti kien hemm ukoll is-Sindku tar-Rabat Sandro Craus.

Leave a Reply

Skip to content