Wieħed mill-aktar postijiet imfittxija minn familji Maltin għal ħin ta’ rilassament u divertiment, bla dubju ta’ xejn huwa l-post magħruf bħala Chadwick Lakes. Fil-verità lisem tal-wied huwa Wied il-Qlejgħa. Dawn l-inħawi ħadu l-isem Ingliż wara l-interventi li saru minn Sir Osbert Chadwick, meta fit-tieni nofs tas-seklu 19 ipproġetta diversi ilqugħ ta’ daqsijiet u għamliet differenti, biex iżżommu kemm jista’ jkun l-ilma tax-xita. Matul il-mogħdija ta’ madwar 2 kilometri, sejjer tiltaqa’ ma’ flora differenti u l-ħoss ta’ l-ilma għaddej minn kanali, kif ukoll il-ħoss differenti ta’ meta l-ilma jkun qed jinżel minn fuq l-ilqugħ għal-isfel. Hawnhekk wieħed jista’ jifhem aħjar ir-raġuni wara il-bini ta’ dawn l-ilqugħ, biex jaħżnu kemm jista’ jkun ilma, sors importanti għal hajja. Dan kollu jagħmel il-wied wieħed mill-aktar interessanti u rilassanti li nsibu f’Malta.
Wara ħalba xita qawwija ħafna familji Maltin jmorru jżuru dawn l-inħawi, biex jitpaxxa bil-ġmiel naturali li tilqa` lil kull viżitatur. L-ilma li jinġemgħa fil-wied joffri spettaklu differenti minn kull lokalità oħra f’Malta. Dan jagħmel Wied il-Qlejgħa, jew Chadwick Lakes, wieħed mill-aktar postijiet popolari fix-xhur tax-xitwa. Huwa dejjem ta’ pjaċir li tara tfal jieħdu gost f’dan l-ambjent nadif u naturali.
Il-mogħdija toffri ukoll il-possibilità li wieħed jimxi matul il-wied, waqt li jkun qalb il-flora u l-fawna tal-lokal, filwaqt li jirrilassa u japprezza l-mumenti kwieti, li naturalment tagħti sodisfazzjon għal kull min iżur dan il-post uniku.
Recent Comments