Proġett immexxi minn
Imwaqqfa fl-2014, l-aġenzija tieħu ħsieb li tifformula u timplementa l-politika nazzjonali tal- gvern ġewwa s-setturi tal- enerġija u ta’ l-ilma, immirati biex jiżguraw is-sigurta’ u sostenibbilta’ tal- enerġija u l-ilma f’Malta.
Malta tinsab f’nofs il-Baħar Mediterran, u hija madwar 90 kilometru l-bogħod minn Sqallija, u madwar 350 kilometru il-bogħod mill-kosta tal-Libja. Il-gżejjer Maltin għandhom 320 kilometru kwadru bħala art. Il-gżejjer huma tipikament Mediterranji, fejn insibu ftit riżorsi naturali. Magħmulin mill-blat sedimentarju li ġie ffurmat madwar 30 miljun sena ilu, wieħed isib ħames saffi ġeoloġiċi li jiffurmaw dawn il-gżejjer. Il-livell tat-tafal huwa il-livell fejn jinżamm l-ilma, u li jipprovdi dan is-sors naturali għal widien minn nixxigħat li hemm. Il-gżejjer għandhom portijiet fondi u naturali, li jattiraw diversi negozjanti, baħħara u qawwiet navali lejn xtutna. L-ewwel abitanti tal-gżejjer Maltin ġew minn Sqallija, u dan seħħ madwar 6000 sena qabel Kristu. Dawn l-ewwel abitanti kienu bdiewa u introduċew l-agrikoltura. Madwar elfejn sena wara, abitanti oħra f’Malta bnew it-tempji megalitiċi, li huma uniċi u li numru minnhom għadhom weqfin. Id-diversi qawwiet tal-Mediterran mażżmien waqfu kolonji u il-bażijiet tagħhom f’Malta. Malta ħadet l-Indipendenza mir-Renju Unit fl-1964. Għaxar snin wara il-Parlament Malti iddikjara lil Malta Repubblika, u sa’ l-1979 ingħalqu il-bażijiet militari kollha f’Malta. Fl-2004 Malta saret membru sħiħ ta’ l-Unjoni Ewropeja.
Wied il-Qlejgħa kien ilu snin abbandunat. Bil-popolarità tal-wied, minħabba l-presenza ta’ Chadwick Lakes, il-wied qed jingħata ħajja ġdida wara l-aħħar proġett. Ir-restawr ta’ l-inħawi kollha jagħti kas ta’ l-aspett storiku u dak ambjentali tal-wied. Il-bosta passaġġi li jintużaw mill-bdiewa ġew imtejjba, filwaqt li l-passaġġ għar-riġel joffri mixja pjaċevoli matul il-wied. Uħud minn dawn il-passaġġi ġew misjuba u mikxufa mill-ġdid wara li l-materjal li kien qed jagħtihom, tneħħa. Dan kollu qed joffri passiġġata fil-kampanja, passiġġata unika għal Malta.
Il-proġett ta’ riġenerazzjoni għandu l-għan li jagħmel riabilitazzjoni ta’ l-ekoloġija talwied. L-għan huwa li jkun hemm kontroll aħjar ta’ l-ispeċi aljen, filwaqt li nżidu kemm il-flora u l-fawna li huma aktar marbuta ma’ l-ambjent ta’ din iz-zona. Studji ekoloġiċi reċenti jikkonfermaw li uħud mill-ispeċi żdiedu fi kwantità, u dan jgħin ħafna fir-riġenerazzjoni ta’ l-ekoloġija tal-wied. Wieħed għandu jsib diversi siġar protetti li issa jidhru qed jkattru, u b’sistema ta’ maniġġjar aħjar, huma maħsub li l-ammont ta’ dawn is-siġar ikompli jiżdied. Qalb masġar tas-siġar taż-żebbuġ, ġew identifikati numru ta’ siġar taż-żebbuġ salvaġġ, kif ukoll siġar tal-ħarrub ferm antiki. Dawn ġew skedati fuq Livell 1 Zona ta’ Importanza Ekoloġika.
Il-widien f’Malta ġew imħaffra minħabba l-effett tal-ħafna xita li kienet tgħaddi mill-inħawi, kif ukoll bl-effett ta’ l-irjieħat ta’ matul iż-żmien. Dan l-aktar seħħ fiż-żmien il-perjodu magħruf bħala tax-xita, li huwa assoċjat ma’ l-aħħar żmien tas-silġ meta Malta kienet għadha maqgħuda ma’ Sqallija. Matul dan il-perjodu l-ilma li kien jgħaddi minn fuq il-ġebla tagħna, kien ħaffer dawn il-widien, li uħud minnhom kienu jkunu ferm aktar fondi minn oħrajn. Iż-żieda fil-livell tal-Baħar Mediterran, għen biex Malta sfat separata minn Sqallija. Dan wassal għal perjodu ta’ nixfa, li minħabba f’hekk l-istess widien nixfu mill-ilma tagħhom.
Għalkemm ma jinstabux xmajjar kbar f’Malta, wieħed jara numru imdaqqas ta’ nixxigħat li għadhom joffru spettaklu, speċjalment wara li tkun għamlet ħafna xita. Wieħed minn dawn il-widien huwa l-Wied tal-Qlejgħa, wied sinjur fil-flora, u jifforma parti minn sistema sħiħa ta’ widien li tgħaddi minn naħa waħda tal-gżira sakemm tasal mal-kosta. Fil-fatt din is-sistema ta’ widien hija magħrufa bħala is-sistema tax-Xmara Għasel, dan minħabba l-fatt li parti imdaqqsa minn din is-sistema kollha tagħmel parti minnha Wied il-Għasel. Hawnhekk naraw numru ta’ widien li jingħaqdu f’post wieħed, fejn imbagħad ikomplu lejn il-kosta. In-nixxiegħa tgħaddi u iserrep matul il-wied, fejn tifforma għadajjar żgħar, kif ukoll spettaklu ta’ ilma jaqa` minn fuq għall-isfel fejn ikun hemm dislivelli ta’ l-art. X’imdaqqiet naraw ukoll numru ta’ nixxigħat li jingħaqdu flimkien, u b’hekk il-kwantità ta’ l-ilma tkun ferm aktar. L-ammont ta’ l-ilma li wieħed jara fil-wied ikun dejjem skont l-istaġun, u kemm tkun għamlet xita ukoll.
Wieħed mill-aktar postijiet imfittxija minn familji Maltin għal ħin ta’ rilassament u divertiment, bla dubju ta’ xejn huwa l-post magħruf bħala Chadwick Lakes. Fil-verità lisem tal-wied huwa Wied il-Qlejgħa. Dawn l-inħawi ħadu l-isem Ingliż wara l-interventi li saru minn Sir Osbert Chadwick, meta fit-tieni nofs tas-seklu 19 ipproġetta diversi ilqugħ ta’ daqsijiet u għamliet differenti, biex iżżommu kemm jista’ jkun l-ilma tax-xita. Matul il-mogħdija ta’ madwar 2 kilometri, sejjer tiltaqa’ ma’ flora differenti u l-ħoss ta’ l-ilma għaddej minn kanali, kif ukoll il-ħoss differenti ta’ meta l-ilma jkun qed jinżel minn fuq l-ilqugħ għal-isfel. Hawnhekk wieħed jista’ jifhem aħjar ir-raġuni wara il-bini ta’ dawn l-ilqugħ, biex jaħżnu kemm jista’ jkun ilma, sors importanti għal hajja. Dan kollu jagħmel il-wied wieħed mill-aktar interessanti u rilassanti li nsibu f’Malta.
Wara ħalba xita qawwija ħafna familji Maltin jmorru jżuru dawn l-inħawi, biex jitpaxxa bil-ġmiel naturali li tilqa` lil kull viżitatur. L-ilma li jinġemgħa fil-wied joffri spettaklu differenti minn kull lokalità oħra f’Malta. Dan jagħmel Wied il-Qlejgħa, jew Chadwick Lakes, wieħed mill-aktar postijiet popolari fix-xhur tax-xitwa. Huwa dejjem ta’ pjaċir li tara tfal jieħdu gost f’dan l-ambjent nadif u naturali.
Il-mogħdija toffri ukoll il-possibilità li wieħed jimxi matul il-wied, waqt li jkun qalb il-flora u l-fawna tal-lokal, filwaqt li jirrilassa u japprezza l-mumenti kwieti, li naturalment tagħti sodisfazzjon għal kull min iżur dan il-post uniku.
Hekk kif titlaq il-binja, dur fuq ix-xellug u ibda miexi fit-triq, sakemm tasal fit-tmiem ta’ din it-triq. Dur mill-ewwel fuq ix-xellug. Żomm dejjem man-naħa tal-lemin, u wara ftit metri miexi tinnota ħajt tas-sejjieħ li inbena madwar ġibjun kbir.
L-inħawi magħrufa bhala Ta’ Koronja jinsab fuq saff fejn taħtu hemm l-ilma. Minħabba f’hekk l-istess ħażna naturali ta’ l-ilma kien jittieħed mill-bdiewa ta’ l-inħawi. Fis-seklu sbatax kien utli biex jissupplixxi kwantità ta’ ilma għall-akkwedott Wignacourt biex jitwassal ilma biżżejjed lejn il-Belt Valletta. Fis-seklu dsatax inħass il-bżonn ta’ aktar ilma, u għalhekk inbnew ġibjuni kbar fejn ikun maħżun l-ilma. Wieħed minn dawn il-ġibjuni kellu il-ħajt tiegħu mogħti b’ġebel ħalli jagħti impressjoni li kien ħajt tas-sejjieħ. Fl-istess ħin kien aktar jaqbel ma’ l-istess inħawi rurali, u baqa’ jżomm l-aspett ambjentali rurali ta’ l-inħawi.
Hekk kif titlaq il-binja, dur fuq il-lemin u ibda miexi, sakemm tasal fl-ewwel kantuniera. Hu it-triq Ta Bieb ir-Ruwa, u ibqa miexi għal madwar 2 Km. Imbagħad għandek tieħu Triq Tas-Santi u kompli miexi għal madwar 1.6 Km, sakemm tasal quddiem il-bieb tal-Forti.
Din kienet l-ewwel fortizza li inbniet matul il-front tal-Majjistral, li aktar tard kellu l-isem mibdul għal-Linji tas-Swar Victoria. Il-Forti bdiet tinbena fl-1875 u tlett snin wara kienet kompluta. Id-disinn tal-Forti kien influwenzat mill-istess topografija tal-post, u kellha foss li jiddefendiha min naħa ta’ l-art. Bħal fortizzi oħra Ingliżi tas-seklu dsatax, fuq ġewwa tal-Forti l-kbira ta’ Binġemma, kien hemm oħra iżgħar, mibnija f’għamla ta’ djamant. Il-forti iż-żgħira kellha pont u anke foss biex jiddefenduha aħjar. Fuq kull naħa tal-pont kien hemm pożizzjonijiet fejn suldati setgħu jiddefendu dik id-daħla bl-ixkubetti, apparti li fil-foss kien hemm ukoll kmamar b’saħħithom, magħrufa bhala caponiers.
Hekk kif toħroġ mill-binja, dur max-xellug u ibda miexi il-fuq. Dejjem żomm max-xellug tat-triq, hekk kif tasal fit-tarf, dur mill-ewwel fuq ix-xellug fi Triq mingħajr isem. Kompli miexi f’din it-triq għal madwar 2.5 Km, filwaqt li dejjem tibqa’ fi triq il-prinċipali. Hekk kif tibda niżla, għandek tinnota b’knisja fuq in-naħa tal-lemin tat-triq. Maġenb il-knisja hemm bħal belvedere min fejn wieħed ikun jista’ jinnota diversi difiżi tas-seklu 19 taż-Żmien l-Ingliżi, difiżi li jiffurmaw parti mil-Linji tas-Swar Victoria. Wieħed jista’ jieħu il-passaġġ li hemm fuq in-naħa tal-lemin, biex ikun jista’ jaqsam il-wied u jżur aktar fil-viċin il-linji ta’ difiża. Waqt li wieħed ikun qed jaqsam il-wied, ikun għaddej minn fuq il-passaġġ mibni fuq il-ħajt, mibni bhala parti mid-difiża.
Il-linji tas-swar Victoria inbnew matul it-targa ġeoloġika, u dan kien ifisser li kien hemm il-bżonn li jiddefendu il-widien ukoll. Wieħed minn dawn il-widien huwa dak ta’ Binġemma, u biex jiżguraw min difiża tajba, inbena ħajt għoli mill-qiegħ tal-wied, u wiesgħa biżżejjed biex ikun hemm passaġġ minn fejn jgħaddu is-suldati. Fl-istess ħin is-suldati li jkunu qed jagħmlu użu minn dan il-passaġġ, jgħaddu minn wara ħajt għoli, li jħares lejn il-wied, u b’hekk ikunu protetti. Matul il-ħajt kien hemm inkluż ukoll toqob, jew twieqi, min fejn is-suldati jkunu jistgħu jiddefendu l-ħajt u l-pożizzjoni tagħhom. Parti mill-istess passaġġ huwa imħaffer fil-blat. Fil-parti t’isfel ta’dan il-passaġġ, hemm arkati ħalli l-ilma tax-xita li jkun għaddej mill-wied, ikun jista’ jibqa’ għaddej mingħajr problemi ta’xejn.
Hekk kif toħroġ mill-binja, dur max-xellug u ibda miexi il-fuq. Dejjem żomm max-xellug tat-triq, hekk kif tasal fit-tarf, dur mill-ewwel fuq ix-xellug fi Triq mingħajr isem. Kompli miexi f’din it-triq għal madwar 2.5 Km, filwaqt li dejjem tibqa’ fi triq il-prinċipali. Hekk kif tibda niżla, għandek tinnota b’knisja fuq in-naħa tal-lemin tat-triq. Maġenb il-knisja hemm bħal belvedere min fejn wieħed ikun jista’ jinnota diversi difiżi tas-seklu 19 taż-Żmien l-Ingliżi, difiżi li jiffurmaw parti mil-Linji tas-Swar Victoria. Wieħed jista’ jieħu il-passaġġ li hemm fuq in-naħa tal-lemin, biex ikun jista’ jaqsam il-wied u jżur aktar fil-viċin il-linji ta’ difiża.
Fit-tieni nofs tas-seklu dsatax, l-awtoritajiet militari Ingliżi bdew jibnu diversi fortizzi madwar Malta. Dawn il-fortizzi kienu armati bl-aħħar armamenti. Inbnew numru ta’ fortizzi, trunċiera u batteriji fil-majjistral ta’ Malta, fuq ir-riħ tat-targa ġeoloġika li nsibu fl-inħawi. Kien imbagħad fl-1897 li kien deċiż li jgħaqqdu dawn il-pożizzjonijiet militari billi tinbena trunċiera biex tgħaqqad kollox. Dawn ġew imsemmija il-Linji tas-Swar Victoria, biex ifakkru il-ġublew tad-djamant tar-Regina Victoria. Dawn il-linji għandhom tul ta’ 12-il kilometru, u inbnew dejjem fuq ir-riħ ta’ l-istess targa ġeoloġika li taqsam lil Malta mit-tramuntana lejn il-punent. Uħud minn dawn id-difiżi militari ġew imħaffra fil-blat, u fejn kien possibbli kien hemm diversi twieqi minn fejn is-suldati jkunu jistgħu jisparaw kontra l-għadu.
Hekk kif titlaq il-binja, dur fuq ix-xellug u ibda miexi fit-triq, sakemm tasal fit-tmiem ta’ din it-triq. Dur mill-ewwel fuq ix-xellug. Żomm dejjem man-naħa tal-lemin, u wara ftit metri miexi tinnota il-fdalijiet ta’ razzett, imdaqqas.
Qalb il-kampanja fertili hemm il-fdalijiet tar-razzett Ta Koronja, wieħed mill-irziezet li nsibu fl-inħawi. Wieħed jista’ jimmaġina l-attività agrikola li kien ikun hemm fl-inħawi, meta l-familji tal-bdiewa kienu joqgħodu aktar viċin ta’ l-għelieqi tagħhom, minħabba id-distanzi mill-irħula. Dan ir-razzett għad għandu diversi dettalji arkitettoniċi rurali interessanti. L-arkati huma eżempju ċar tal-ħila tal-bennejja mhux magħrufa ta’ dak iż-żmien. It-taraġ li hemm fuq barra iwassal għas-sular ta’ fuq, fejn kienet tgħix il-familja, filwaqt lis-sular t’isfel kien il-post fejn jinżamm il-prodott agrikolu u uħud mill-annimali.
Wieħed jista’ jżur l-Akwedott ta’ Wignacourt f’diversi postijiet. L-aħjar partijiet jinsabu fl-Imrieħel, Sta Venera u l-Furjana. Suq lejn il-Belt Valletta u għamel użu mir-Rotta Nru 7. Ibqa` suq fit-triq il-prinċipali. Wara 7 kilometri, żomm fuq ix-xellug u idħol fi Triq l-Imdina. Ftit wara tinnota bl-Akwedott fuq ix-xellug. Dawn l-arkati jkomplu lejn Sta Venera. L-aħħar parti ta’ l-Akwedott f’dawn l-inħawi huwa torri. Fil-Furjana hemm parti importanti oħra ta’ dan l-Akwedott, u din tinsab fuq wara tal-knisja parrokkjali. Dan huwa torri ieħor li kien jikkontrolla id-dħul ta’ l-ilma fil-Belt Valletta.
Il-bini tal-Belt Valletta, belt ġdida, wassal biex ħoloq il-bżonn li jkun hemm ilma biżżejjed għar-residenti tagħha. Kien fiż-żmien il-Gran Mastru Martino Garzes (1595-1601) li kien issuġġerixxa għall-ewwel darba biex ikun hemm sistema li twassal ilma lejn il-Belt Valletta. Iżda dan il-ħsieb ma kienx ġie imwettaq. Is-suċċessur tiegħu, il-Gran Mastru Alof de Wignacourt (1601-1622) qabbad lil Natale Masuccio (c.1561-1619) u ingħata bidu għat-twettiq ta’ dan il-proġett. L-ewwel ma sar kien li ġew identifikati in-nixxiegħat naturali ta’ l-inħawi u l-ilma tagħhom twassal lejn ġibjun kbir. L-ilma imbagħad twassal lejn H’Attard minn mini taħt l-art, iżda sfortunatament Masuccio ma setgħax issolvi il-problema li inħolqot minħabba id-dislivell ta’ l-art f’dawn l-inħawi. Inġib Malta perit ieħor, Bontadino de Bontadini, u flimkien ma’ imgħallmin Maltin solvew il-problema billi bnew akkwedott, biex fl-1615 twassal l-ilma lejn il-Belt Valletta.
Fl-inħawi magħrufa bhala Għajn Klieb, instabu numru ta’ oqbra imħaffra fil-blat li jmorru lura għaż-żmien il-Feniċi u l-Puniku. Dawn iħarsu għal fuq il-Wied tal-Fiddien. L-ewwel sejba saret fl-1890, u aktar oqbra komplew jinstabu matul il-medda tas-snin. Wieħed mill-aktar oqbra interessanti li nstab hawnhekk, kien skavat u studjat minn Sir Themistocles Zammit, fl-1906. Kien f’dan il-qabar li huwa sab amulet Eġizzjan tad-deheb, ferm importanti, minħabba ir-rarità tiegħu. Dan l-amulet illum jinsab għal wiri fil-Mużew Nazzjonali ta’ l-Arkeoloġija fil-Belt Valletta. L-amulet huwa magħmul minn żewġ figuri li juru l-allat Horus u Anubis, bil-wieqfa, dahar ma dahar, u magħqudin ma’ xulxin b’ċirku. Dan l-amulet huwa maħsub li jmur lura għal perjodu ta’ bejn is-7 u is-6 seklu q. Kristu. Oqbra oħra li nstabu fl-inħawi offrew lill-arkeologi diversi tipi ta’ fuħħar differenti, biex b’hekk setgħu ikunu iddati l-istess oqbra.
Malta kienet l-ewwel territorju il-barra mill-Italja li kienet mirbuħa mir-Rumani fis-sena 218 q.Kristu id-difiżi prinċipali taż-żmien ir-Rumani kienu madwar Melite, il-belt kapitali ta’ Malta. Maż-żmien, inbnew numru ta’ torrijiet tondi, mxerdin madwar il-kampanja. Huwa diffiċli li wieħed jagħti data ta’ meta inbnew dawn it-torrijiet, minħabba l-fatt li ftit materjal arkeoloġiku instab assoċjat magħhom. Apparti li setgħu intużaw bhala mezz ta’ difiża, huwa maħsub li dawn setgħu intużaw bhala torrijiet ta’ l-għassa għal ma’ l-għelieqi tas-sinjuri. Studji reċenti jindikaw li dawn il-fdalijiet f’Għajn Klieb, huma ta’ andar.
Hekk kif toħroġ mill-binja, dur max-xellug u ibda miexi il-fuq. Dejjem żomm max-xellug tat-triq, hekk kif tasal fit-tarf, aqsam it-triq għan-naħa l-oħra u kompli miexi fi Triq Għajn Qajjet. Kif tasal fit-triq il-prinċipali, żomm fuq ix-xellug u ibda miexi għal madwar 200 metru. Aqsam it-triq u ibda miexi fi Triq G Galea sal-kantuniera ma’ Triq S Calleja. Dur fuq ix-xellug u faċċata tiegħek għandek tara spazjuż mhux mibni, fejn hemm dawn ir-raddi, imħaffra fil-blat.
Fost il-fdalijiet misterjużi li jmorru lura għall-antikità huma dawk magħrufa bhala raddi. Dawn il-kanali, jew raddi huma imħaffra fil-wiċċ tal-blat, u jkunu dejjem par. Il-kanal ikun imħaffer f’forma ta’ V, u il-parti t’isfel tkun kemxejn fit-tond. Id-distanza bejn iż-żewġ raddi hija konsistenti, għalkemm wieħed isib kemxejn ta’ differenzi f’diversi postijiet. Huwa maħsub li dawn kienu xi mezz ta’ sistema ta’ trasport, għalkemm it-tip ta’ karrettun jew xi mezz ieħor li kien jintuża, għadu dibattibbli. Diffikultà oħra hija f’liema perjodu storiku dawn tħaffru u bdew jintużaw, jekk mhux fil-perjodu taż-Żmien il-Bronż, inkella fil-perjodu Klassiku. Hemm ukoll il-misteru għal liema raġuni dawn kienu jintużaw, x’kien il-materjal li ried jinġarr ma’ kullimkien. Minħabba li dawn jinsabu mifruxin madwar il-gżejjer Maltin, huwa ferm diffiċli biex wieħed jassoċjawhom ma’ perjodu partikulari. Dawn ta’ l-Imtarfa jidher ċar li hemm qabar Puniku imħaffer f’nofshom, u b’hekk jista’ jindika li dawn ir-raddi kienu saru fiż-żmien il-preistorja.
Hekk kif toħroġ mill-binja, dur max-xellug u ibda miexi il-fuq. Dejjem żomm max-xellug tat-triq, hekk kif tasal fit-tarf, dur mill-ewwel fuq ix-xellug fi Triq mingħajr isem. Kompli miexi f’din it-triq għal madwar 2.5 Km, filwaqt li dejjem tibqa’ fi triq il-prinċipali. Hekk kif tibda niżla, għandek tinnota b’knisja fuq in-naħa tal-lemin tat-triq. Maġenb il-knisja hemm bħal belvedere min fejn wieħed ikun jista’ jinnota li fuq in-naħa l-oħra tal-wied hemm numru ta’ oqbra imħaffra fil-blat. Biex tasal sa ħdejn dawn l-istess oqbra, imxi ma’ passaġġ li hemm fuq il-lemin, li jwasslek sa’ ħdejn l-oqbra.
Imħaffra fil-wiċċ vertikali li jħares lejn wied, naraw numru ta’ kmamar imħaffra fil-blat, kmamar li miż-żminijiet imbegħda dejjem kienu magħrufa bhala oqbra tal-Lhud. L-ewwel darba li jissemmew kien minn Giovanni Francesco Abela (1582-1655), missier l-istorjografija ta’ Malta. Kien irraportat ukoll li nstabet kitba bl-Ebrajk. Hawnhekk insibu numru ta’ kmamar funerarji separati minn xulxin, simili għal ħafna oqbra imħaffra fil-blat li nsibu madwar il-gżejjer Maltin. Dawn l-Ipoġew imħaffra fil-blat, jinsabu fil-faċċata ta’ dan il-wiċċ vertikali, u wara li ġew abbandunati bhala post ta’ dfin, uħud minnhom intużaw mill-bdiewa ta’ l-inħawi.
Hekk kif toħroġ mill-binja, dur max-xellug u ibda miexi il-fuq. Dejjem żomm max-xellug tat-triq, hekk kif tasal fit-tarf, dur mill-ewwel fuq ix-xellug fi Triq mingħajr isem. Kompli miexi f’din it-triq għal madwar 700 metru. Din it-triq hija niżla lejn il-wied, u imbagħad hemm telgħa li twasslek ħdejn il-knisja, li tinsab fuq il-lemin tat-triq.
Mifruxin madwar il-gżejjer Maltin naraw diversi minn dawn is-slaleb tal-ġebel. Fil-biċċa l-kbira tagħhom dawn is-slaleb huma magħrufa bhala tad-Dejma, fejn id-Dejma lokali kien ikollha post fejn t’iltaqa’ f’kas ta’ attakk mill-għadu. Iżda verżjoni oħra tgħid li dawn is-slaleb kienu jindikaw il-limiti tal-parroċċi. Is-slaleb m’għandhomx dettalji partikulari, ħlief li jkunu mpoġġija fuq kolonna, l-kapital ikun f’forma maħdum fl-istil arkitettoniku Doriku, u li tkun fuq pedestall fit-tond. Iz-zona ta’ l-inħawi hija magħrufa bhala Tas-Salib, u dan minħabba il-presenza ta’ dan l-istess Salib tad-Dejma.
Hekk kif toħroġ mill-binja, dur max-xellug u ibda miexi il-fuq. Dejjem żomm max-xellug tat-triq, hekk kif tasal fit-tarf, dur mill-ewwel fuq ix-xellug fi Triq mingħajr isem. Kompli miexi f’din it-triq għal madwar 2.5 Km, filwaqt li dejjem tibqa’ fi triq il-prinċipali. Hekk kif tibda niżla, għandek tinnota b’knisja fuq in-naħa tal-lemin tat-triq.
L-ewwel knisja li inbniet f’dawn l-inħawi tħallset min nobbli Gio. Maria Xara. Dan kien fl-1615. Minħabba li l-knisja ma tantx kienet fis-sod fejn inbniet, inbniet oħra minflokha fl-1685, minn membru ieħor tal-familja Xara. Il-knisja hija iddedikata lil Madonna taħt it-titlu ta’ Hodigitria, li f’Malta hija aktar magħrufa bhala l-Madonna ta’ l-Ittria. L-arma tal-familja nobbli Xara tidher fil-faċċata tal-knisja. Il-knisja għalkemm żgħira hija miżmuma tajjeb ħafna, u għadha tintuża mill-komunità żgħira li tgħix fl-inħawi. Minn ħdejha wieħed jista’ jara veduta sabiħa tal-kampanja u l-widien, kif ukoll tal-kosta ta’ dawn l-inħawi. Fil-viċin insibu ukoll diversi fdalijiet arkeoloġiċi kif ukoll binjiet militari.
Hekk kif toħroġ mill-binja, dur max-xellug u ibda miexi il-fuq. Dejjem żomm max-xellug tat-triq, hekk kif tasal fit-tarf, dur mill-ewwel fuq ix-xellug fi Triq mingħajr isem. Kompli miexi f’din it-triq għal madwar 700 metru. Din it-triq hija niżla lejn il-wied, u imbagħad hemm telgħa li twasslek ħdejn il-knisja, li tinsab fuq il-lemin tat-triq.
Din il-knisja probabbilment inbniet fis-seklu 16. Id-dedikazzjoni tagħha, it-Twelid tal-Madonna, kien ferm popolari f’Malta, speċjalment wara ir-rebħ ta’ l-Assedju l-Kbir ta’ l-1565 u minħabba li l-għajnuna minn Sqallija waslet f’Malta fit-8 ta’ Settembru, il-jum liturġika li fih jiġi mfakkar it-Twelid tal-Madonna. Mibnija fil-kampanja tar-Rabat, il-knisja kellha issofri minn nuqqas ta’ flus u għamara oħra, sakemm fl-aħħar spiċċat abbandunata għal kollox fis-seklu 18. Din hija knisja tipika tal-kampanja, rettangolari, b’numru ta’ mwieżeb mad-dawra u kampnar żgħir fil-faċċata. Maġenb il-bieb hemm il-lapida bl-iskrizzjoni « Non Gode L-Immunita Ecclessiastica”, li kienet tfakkar lil kulħadd li l-immunità ekkleżjastika ma kienetx għadha tgħodd. Il-knisja hija magħrufa ukoll bhala Tas-Salib, u dan minħabba li fil-viċin hemm wieħed mis-slaleb, magħrufin bhala tad-Dejma.
Hekk kif toħroġ mill-binja, dur max-xellug u ibda miexi il-fuq. Dejjem żomm max-xellug tat-triq, hekk kif tasal fit-tarf, aqsam it-triq għan-naħa l-oħra u kompli miexi fi Triq Għajn Qajjet, sakemm tasal f’trejqa tal-Kampanja Tal-Markiż. Imxi għal madwar 180 metru, dur fuq ix-xellug, u kompli miexi għal madwar 400 metru ieħor, qalb għelieqi maħduma. Il-knisja tinsab f’nofs dawn l-għelieqi.
F’nofs l-egħlieqi li nsibu fl-inħawi naraw il-fdalijiet ta’ knisja medjevali iddedikata lil San Mikiel is-Sinċier. Maż-żmien l-isem li kienu taw il-Maltin spiċċa biex ġie San Mikiel Sinċier, inkella San Ċir. Il-bini medjevali li inbena fis-seklu 15, huwa id-dokumentat għall-ewwel darba waqt iż-żjara tad-Delegat Appostoliku Monsinjur Dusina fl-1575, fejn irrapporta li l-knisja kellha altar wieħed u kellha paviment ukoll. Minn dokumenti oħra naraw li fi żjarat mill-isqfijiet ta’ Malta, il-knisja dejjem kienet imsemmija li hi iddedikata lil San Mikiel. Maż-żmien il-knisja sfat abbandunata, u bdiet tintuża mill-bdiewa ta’ l-inħawi. Oriġinarjament il-knisja kellha ċimiterju żgħir biswit.
Hekk kif toħroġ mill-binja, dur max-xellug u ibda miexi il-fuq. Dejjem żomm max-xellug tat-triq, hekk kif tasal fit-tarf, aqsam it-triq għan-naħa l-oħra u kompli miexi fi Triq Għajn Qajjet. Kif tasal fit-triq il-prinċipali, żomm fuq ix-xellug u kompli miexi għal madwar 200 metru. Aqsam it-triq u ibda miexi fi Triq G Galea u kompli miexi sakemm tasal ħdejn il-post tal-logħob għat-tfal. Dur fuq ix-xellug fi Triq Santa Luċija, u dejjem ibqa` miexi f’din it-triq fuq in-naħa tax-xellug. L-aħħar parti ta’ din it-triq hija bħal passaġġ tal-kampanja, u ftit wara malajr tasal ħdejn knisja żgħira.
L-ewwel evidenza dokumentata ta’ din il-knisja iddedikata lil Santa Luċija tmur lura għas-seklu 15. Huwa magħrufa li ftit qabel l-Assedju l-Kbir ta’ l-1565 kienet twaqqgħet, ħalli ma tkunx tista’ tintuża għal vantaġġ tal-qawwiet Ottomani. Reġgħet inbniet wara it-tmiem ta’ l-Assedju u probabbilment il-knisja li naraw illum tmur lura għal dan il-perjodu. Fl-1575, waqt iż-żjara tad-Delegat Appostoliku Monsinjur Dusina, il-knisja kienet rappurtata li għalkemm ma kellhiex bibien, kienet għadha tiffunzjona. Ma jidhirx li l-binja tal-knisja inbidel wisq mis-seklu 16. L-istil arkitettoniku huwa medjevali, u naraw absida żgħira fuq wara tal-knisja, fejn hemm l-uniku altar. Il-faċċata għandha tieqa żgħira fuq il-bieb, u mal-ġenb tal-bieb hemm lapida li tgħid “Non Gode L’Immunita Ecclessiastica”, li kienet tfakkar lil kulħadd li l-immunità ekkleżjastika ma kienetx tgħodd aktar jekk wieħed jidħol f’din il-knisja.
Hekk kif toħroġ mill-binja, dur max-xellug u ibda miexi il-fuq. Dejjem żomm max-xellug tat-triq, hekk kif tasal fit-tarf, aqsam it-triq għan-naħa l-oħra u kompli miexi fi Triq Għajn Qajjet. Kif tasal fit-triq il-prinċipali, żomm fuq ix-xellug u kompli miexi għal madwar 200 metru. Aqsam it-triq u ibda miexi fi Triq G Galea għal madwar 1km ieħor. Hekk kif tasal ħdejn daħla bejn żewġ pilastri, il-knisja iddedikata lil San Oswaldu, tinsab fuq ġewwa.
Waħda mill-binjiet li inbnew qalb il-kwartieri militari ta’ l-Imtarfa kienet knisja żgħira. Din inbniet fl-1921 u ġiet iddedikata lil San Oswald. Il-pjanta tal-knisja hija f’forma ridotta ta’ salib Latin, u fiha hemm altar wieħed biss. Inbniet biex toffri servizzi reliġjużi għas-suldati Protestanti li kienu jgħixu fil-kwartieri ta’ l-Imtarfa. Il-kampnar ċentrali inbena fuq wara tal-knisja, u huwa differenti minn kampnari li naraw fi knejjes Maltin. Il-faċċata u mad-dawra ta’ żewġ naħat tal-knisja hemm bħal veranda li iddur madwar. Hekk kif it-truppi Ingliżi telqu minn Malta, din il-knisja inbidlet għal waħda Kattolika, u għadha tintuża sal-ġurnata tal-lum.
Hekk kif toħroġ mill-binja, dur max-xellug u ibda miexi il-fuq. Dejjem żomm max-xellug tat-triq, hekk kif tasal fit-tarf, aqsam it-triq għan-naħa l-oħra u kompli miexi fi Triq Għajn Qajjet. Kif tasal fit-triq il-prinċipali, żomm fuq ix-xellug u ibda miexi fi Triq G Galea għal madwar 1km ieħor. Hekk kif tasal ħdejn daħla bejn żewġ pilastri, il-bini li qabel kien jintuża bhala sptar jinsab fuq ġewwa.
Il-bini tal-Linji ta’ difiża, magħrufa bhala Victoria Lines u l-Forti Binġemma kien jeħtieġ li jkun hemm numru ta’ suldati stazzjonati fl-inħawi. Dan wassal biex ikun hemm il-bżonn ta’ bini ta’ kwartieri militari biex jakkomodaw lil dawn is-suldati. Il-bini tal-kwartieri fl-Imtarfa bdew jinbnew fl-1891 u sa’ l-1896 kienu lesti. Mibnija fuq l-għolja ta’ l-Imtarfa, dawn il-kwartieri kienu joffru akkomodazzjoni arjuża mifruxa madwar l-inħawi. Maż-żmien inbnew aktar binjiet, kif ukoll sptar żgħir bi spazju għal 42 sodda. L-istess sptar ġie imkabbar biex issa kellu spazju għal 55 sodda. Dawn il-binjiet kellhom portiku li kien joffri dell fix-xhur sħan tas-sajf. Wara il-bini ta’ l-isptar militari ta’ l-Imtarfa fl-1920, l-isptar iż-żgħir spiċċa biex beda jintuża bhala sptar għal familji tal membri tas-servizzi Ingliżi.
Hekk kif toħroġ mill-binja, dur max-xellug u ibda miexi il-fuq. Dejjem żomm max-xellug tat-triq, hekk kif tasal fit-tarf, aqsam it-triq għan-naħa l-oħra u kompli miexi fi Triq Għajn Qajjet. Kif tasal fit-triq il-prinċipali, żomm fuq ix-xellug u ibda miexi fi Triq G Galea u kompli miexi sakemm tasal ħdejn il-post tal-logħob għat-tfal. Dur fuq il-lemin fi Triq Sir Leslie Rundle, kompli miexi fl-istess triq, sakemm din tingħaqad ma’ Triq it-Torri. Dur max-xellug, u wara li timxi għal madwar 120 metru, tiġi faċċata tat-torri ta’ l-Arloġġ.
It-torri ta’ l-Arloġġ fl-Imtarfa inbena fl-1895, u kien jifforma parti mill-kwartieri militari li kienu inbnew ftit tas-snin qabel. Il-parti t’isfel tat-torri huwa ta’ madwar 22.5 metru għoli, filwaqt li l-parti ta’ fuq għandha 9 metri oħra. Ftit huma dawk id-dettalji arkitettoniċi li naraw mat-torri, apparti il-parti ta’ fuq tat-torri. Fuq ġewwa hemm garigor li jwasslek sa’ fuq nett, fejn għad hemm il-mekkaniżmu ta’ l-arloġġ. It-torri ta’ l-arloġġ huwa wieħed mill-aktar binjiet dominanti ta’ l-għolja ta’ l-Imtarfa u reċentement ġie restawrat mill-Kunsill Lokali ta’ l-Imtarfa.
Hekk kif toħroġ mill-binja, dur max-xellug u ibda miexi il-fuq. Dejjem żomm max-xellug tat-triq, hekk kif tasal fit-tarf, aqsam it-triq għan-naħa l-oħra u kompli miexi fi Triq Għajn Qajjet. Kif tasal fit-triq il-prinċipali, żomm fuq ix-xellug u ibda miexi fi Triq G Galea għal madwar 400 metru, u idħol fi Triq Konti F Teuma Castelletti. Kompli miexi f’din it-triq għal madwar 1 Km, sakemm tasal fil-kantuniera ma’ Triq Dar il-Kaptan. Dur ma’ l-ewwel kantuniera fuq il-lemin, u kompli miexi sakemm iddur ma’ l-ewwel triq fuq ix-xellug fi Triq Zammit. It-tieni triq fuq il-lemin twasslek quddiem il-bini li kien jintuża bhala l-Isptar tal-Kwarantina.
Il-kwarantina kienet dejjem fuq moħħ l-awtoritajiet tas-saħħa f’Malta, minħabba il-presenza ta’ numru kbir ta’ nies tas-servizzi stazzjonati f’Malta, kif ukoll il-presenza tal-flotta tal-Mediterran Ingliża. Fl-1924 kien inawgurat l-isptar ta’ iżolament viċin il-bini prinċipali ta’ l-isptar ta’ l-Imtarfa. Dan il-bini huwa ta’ sular wieħed u inbena fuq l-istil ta’ l-arkitettura ta’ dak iż-żmien, fejn naraw numru ta’ pilastri u portiku li jdur mal-faċċata ta’ l-isptar. Il-binja għandha twieqi kbar, biex jipprovdu aktar dawl fil-kmamar ta’ ġewwa.
Hekk kif toħroġ mill-binja, dur max-xellug u ibda miexi il-fuq. Dejjem żomm max-xellug tat-triq, hekk kif tasal fit-tarf, aqsam it-triq għan-naħa l-oħra u kompli miexi fi Triq Għajn Qajjet. Kif tasal fit-triq il-prinċipali, żomm fuq ix-xellug u ibda miexi fi Triq G Galea għal madwar 1km ieħor. Hekk kif tasal ħdejn daħla bejn żewġ pilastri, il-bini li qabel kien jintuża bhala sptar jinsab fuq ġewwa.
Wara li inbnew il-kwartieri militari fuq l-għolja ta’ l-Imtarfa lejn l-aħħar tas-seklu 19, ftit tas-snin wara inbena sptar militari fil-viċin, minflok sptar ieħor li kien ferm iżgħar. Dan ma kienx l-ewwel sptar li l-awtoritajiet Ingliżi bnew f’Malta. Fl-1915 ingħata bidu għal bini ta’ sptar ġdid, u dan ġie mitmum fl-1920. Kien imsemmi Sir David Bruce Military Hospital. Matul it-Tieni Gwerra Dinjija l-isptar kien imkabbar biex ikun jista’ jieħu aktar pazjenti, apparti li kien tħaffer sptar taħt l-art ukoll, biex ikun aktar kenni. Fl-aqwa tiegħu, l-isptar kien joffri 1200 sodda. L-isptar kien użat ukoll mill-awtoritajiet tal-Flotta Irjali Ingliża u minħabba f’hekk kien magħruf bhala David Bruce Royal Naval Hospital. Fl-1979 il-bini kollu ingħata lil Gvern Malti.
L-informazzjoni biex wieħed iżur il-postijiet imsemmija, jibdew minn din il-binja, magħrufa ukoll bhala Fiddien Box. Biex wieħed jasal s’hawn, hemm bżonn li tasal ir-Rabat, u mis-Saqqajja taqbad it-triq lejn id-Domus Romana. Kif taqbeż id-Domus Romana żomm max-xellug u ibqa għaddej mat-triq. Fuq il-lemin hemm i-wied, u tkompli sejjer sakemm tasal ħdejn roundabout. Minn hemm wieħed għandu jimxi fid-direzzjoni tal-Fiddien. Wieħed għandu jinduna b’din il-Fiddien Box, li fil-verità oriġinarjament kienet stazzjon ta’ pompa ta’ l-ilma.
Tħares għal fuq Wied Tal-Qlejgħa naraw binja li inbniet bhala parti mill-proġett ta’ riabilitazzjoni tas-sors ta’ l-ilma lejn il-Belt Valletta, li seħħ fil-bidu tas-seklu għoxrin. L-awtoritajiet għamlu użu mil-bjar antiki ta’ taħt l-art, li saru fil-bidu tas-seklu sbatax bhala parti mill-Akwedott ta’ Wignacourt. F’dan il-proġett l-awtoritajiet ħadu ħsieb li jtejbu il-kanali kif ukoll għamlu użu minn katusi tal-metall biex iwasslu aktar ilma lejn il-Port il-Kbir minħabba iż-żieda kontinwa tal-popolazzjoni fl-inħawi. Skont kif hemm miktub fuq il-lapida ta’ l-irħam, il-proġett sar fiż-żmien il-Gvernatur ta’ Malta, Sir Leslie Rundle (1909-1915), taħt is-superviżjoni tas-Supretendent tax-Xogħolijiet Pubbliċi, Lorenzo Gatt (1857-1938), li kien responsabbli biex jestendi is-servizz ta’ l-ilma lejn l-inħawi.