Skip to main content

Iż-Żafsafa ż-żgħira – Salix pedicellata – Mediterranean Willow

Iż-Żafsafa ż-żgħira – Salix pedicellata – Mediterranean Willow

 

Iż-Żafsafa ż-żgħira hija żafsafa oħra nattiva, li tinsab ukoll tikber tul il-kurrenti tal-ilma.

Hija speċi rari ħafna, u fl-2002, permezz ta’ sforzi volontarji, ittieħdu għeruq tagħha minn siġar indiġeni li hemm fl-Imtaħleb, u tħawlu f’Wied il-Qlejgħa, fejn illum dawn jikbru maġenb iż-Żafsafa l-kbira.

Is-siġra tikber sa għoli taʼ 10 m fuq zokk li ġeneralment ikun għoli 1.5 m minfejn il-friegħi jinfirxu. Dawn huma kannella skuri mgħottija fil-bidu b’xagħar qasir, li jitilfu huma u jikbru. Iz-zokk jibdel il-qoxra tiegħu kważi kull staġun, u jesponi għadd ta’ linji lonġitudinali. Il-fjuri taż-Żafsafa ż-żgħira huma nwar irġiel jew nisa u huma twal bejn 3 u 5 ċm, u 1.5 ċm wiesgħa. Dawn jikbru fuq siġar separati. F’Malta insibu li dawn is-siġar għandhom inwar maskili u wieħed jista’ jarahom ippakkjat b’mod dens matul Jannar u Frar. Dawn huma mdakkra mill-insetti kif ukoll mill-riħ.

Il-weraq f’forma oblong huma twal bejn 4 u 16-il ċm u wiesgħa 1.5 ċm, huma tondi fil-bażi u jiġu għall-punt, bis-snien tul ix-xifer. Il-vini tagħhom bil-vina prinċipali bir-rix mwaħħal magħha qisu rixa. Minn fuq huma ħodor imma minn taħt huma fil-griż bil-vini prominenti. Il-weraq huma kemxejn xagħrin taħt iżda mhux minn fuq. Dawn jitilfuhom meta tkun qed toqrob il-ħarifa u l-ġurnata tiqsar.

L-għeruq huma iebsa u kbar u jistgħu wkoll jikbru minn partijiet tas-siġra.

Iż-Żafsafa ż-żgħira hija protetta strettament mir-regolamenti tas-siġra Maltija. Hija elenkata wkoll fid-Data Book l-Aħmar tal-Gżejjer Maltin minħabba li tinsab mhedda. Il-populazzjoni f’Wied il-Qlejgħa ġie skedat bħala żona għas-siġar protetti.

Skip to content