L-Għammiel tal-Bejt huwa l-aktar għasfur residenti komuni fil-Gżejjer Maltin. Dan jinstab kemm f’ambjent rurali kif ukoll f’ambjent urban, u jidher fil-qatgħat speċjalment wara li l-istaġun tat-tgħammir jkun għadda. L-ikbar età reġistrata ta’ għammiel tal-bejt hija ta’ 11-il sena.
L-għammiel tal-bejt huwa twil bejn 15 u 16-il ċm, b’tul ta’ ġwienaħ ta’ bejn 23 sa 26 ċm u jiżen minn 26-36 g.
Ras ir-raġel għandha kuruna distintiva kulur il-qastan skur, il-kulur jestendi fuq in-naħa ta’ wara u l-ġenb ta’ għonqu, b’ħaddejn abjad pur u munqar oħxon kulur blu fl-iswed. Faxxa sewda tgħaddi minn taħt il-munqar u jinfirex sa sidru li jixbaħ il-melvizz iswed. Serje ta’ marki suwed huma mifruxa fuq sidru u l-ġnub, li jikkuntrasta ma’ żaqq kważi abjad. Faxex suwed u ħomor fil-kannella jkopru id-dahar. Is-saqajn qosra tagħha huma kannella jgħajjat.
Il-mara għandha kuluri eħfef, bil-kannella ttikkjat minn fuq u griż ċar minn taħt. Il-munqar huwa ta’ kulur safrani. Il-mara hija eħfef mir-raġel u tiżen madwar 20 u 30 g.
Il-bejta tibda tinbena madwar Frar, u hija użata għat-tieni u t-tielet doqqajs. Il-bejta jibnuha fil-ventilaturi, fil-ħitan tas-sejjieħ u toqob oħra fil-ħitan, fl-irdum kif ukoll fis-siġar.
Il-mara tbejjed minn 4 sa 6 bajd, li jfaqqsu wara 12-il jum. Il-flieles jitilqu l-bejta madwar 14-il jum wara. L-ikel li jingħataw huwa kważi esklussivament fuq insetti u ikel artab għall-ewwel ftit jiem, għalkemm l-adulti jieklu prinċipalment żrieragħ, weraq, frott u materjal ieħor mill-pjanti.
In-nisa jixbhu liż-żgħar ta’ sena, għalkemm dawn tal-aħħar huma eħfef u inqas kontrastanti fil-kulur.