Skip to main content

Il-Ħannewija – Acanthus mollis – Bear’s Breeches

Il-Ħannewija – Acanthus mollis – Bear’s Breeches

Il-Ħannewija hija pjanta erbaċija perenni komuni li tinsab fil-Gżejjer Maltin. Hija nattiv għar-reġjun tal-Mediterran li jestendi mill-Portugall sal-Afrika tal-Majjistral u l-Lvant lejn il-Kroazja. Hija waħda mill-pjanti riżomi li bdew jiġu kkultivati. Tintuża wkoll bħala stil dekorattiv fl-arkitettura u fl-għamara.

L-għoli medju tal-ħannewija huwa ta’ bejn 30 u 80 ċm fit-tul, filwaqt li fil-perjodu tal-fjuri togħla 180 ċm. Il-weraq immewġin ħodor ileqqu jikbru fi gruppi b’tul sa 40 ċm u wiesgħa 25 ċm. Il-ponta tal-inflorenza ċilindrika hija ta’ bejn 30 u 40 ċm fit-tul u f’kundizzjonijiet tajbin tista’ tipproduċi sa 120 fjura.

Il-fjuri tubulari huma twal sa 5 ċm, kulur bajdani u lelà jew roża mdawra bi 3 brakti ħodor jew vjola. Dawn il-fjuri jiffjorixxu mill-bidu tar-rebbiegħa sal-bidu tas-sajf u huma mdakkra bin-naħal jew naħal bagħlin li huma kbar biżżejjed biex jisfurzaw is-sepali ta’ fuq u t’isfel u jilħqu n-nektar. Il-frotta tkun ovali u fiha bejn żewġ u erbgħa żrieragħ sewda kbira; ladarba jsir il-qoxra taż-żerriegħa tinfaqa’ u tispara ż-żrieragħ ’l barra. Dawn isibu posthom fil-viċinanza tal-madwar jew jinxterdu bir-riħ ladarba fl-ajru.

Il-Ħannewija tinstab f’diversi abitati li jinkludu il-makkji, l-imsaġar, il-widien, iż-żoni bid-dell u x-xfar xemxin, minkejja dan illum il-ġurnata huma inklużi f’ħafna disinji ta’ landscaping. Ġeneralment jikber f’ċapep lokalizzati kbar propagati mir-riżoma tagħha.

F’kundizzjonijiet umdi u mdellin, il-ħannewija tista’ tinstab fil-veġetazzjoni matul is-sena kollha, madankollu, f’żoni aktar esposti għad-dawl tax-xemx, ġeneralment tinxef. Wara l-ewwel xita tal-ħarifa r-riżoma ta’ taħt l-art jibdew ikabbru l-veġetazzjoni bi tħejjija għall-perjodu tad-dakkir.

Skip to content